top of page

Dawk l-Għajnejn

Dawk l-Għajnejn

Sinopsi

Il-kanzunetta hija miktuba mill-perspettiva ta’ vittma ta’ abbuż. Il-lirika tiddeskrivi kif wieħed iħossu waqt u wara li jseħħ l-abbuż. Il-vittma ħafna drabi jistaqsi għaliex ġralu hekk, u jitfa’ l-ħtija kollha fuqu, meta fil-verità, ikun il-predatur tiegħu li jġegħlu jaħseb b’dan il-mod. Il-ħsara fiżika, emozzjonali u mentali hija magħmula minn min jabbuża lill–vittma li tidher matul il-lirika tal- kanzunetta – li ġġiegħel wieħed jifhem aktar l-esperjenza makabra li l-vittma jgħaddi minnha.

 

Bijografiji


Artist | Kompożitur | Awtur – Miguel Bonello

Miguel Bonello, għandu għoxrin sena u mwieled ir-Rabat, huwa kantawtur u kompożitur lokali. Miguel beda juri l-passjoni tiegħu lejn il-kant minn età żgħira. Hu rebaħ l-ogħla unuri, il-Gran Prix fil-Finlandja u l-Latvja. Hu kkompeta fil-Malta Junior Eurovision 2016. Rebaħ il-programmi televiżivi Sajf Ma’ Gaffiero u Misraħ il-Milied. Miguel irrappreżenta lil Malta f‘Sanremo Junior fejn kanta ġot-teatru Ariston, fl-Italja. Fl-2018 u 2019, Miguel wasal sas-'Six Chair Challenge' f’X Factor Malta bħala solist kif ukoll fi dwett. Fl-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika, Miguel kien l-iżgħar finalist bid-diska tiegħu Sinfonija Ħiemda u wkoll rebaħ premju għall-Aqwa Arranġament Mużikali b’din is-silta. Miguel huwa semifinalist fil-Malta Eurovision Song Contest 2024. Miguel qed jagħmel Baċellerat fil-Produzzjoni tal-Mużika u Inġinerija tal-Ħoss. L-għan tiegħu huwa li jipperfezzjona t-talent tiegħu u jsegwi l-ħolma tiegħu li jsir artist stabbilit sew kemm fl-industrija tal-mużika lokali kif ukoll internazzjonali.

 

Kompożitur – Gilbert ‘il-Bibi’ Camilleri

Gilbert ‘il-Bibi’ Camilleri ġej minn familja ta’ mużiċisti, fosthom in-nannu Frank ‘il-Bibi’ Camilleri, pijunier fil-mużika Jazz f’pajjiżna, missieru Joe ‘il-Bibi’ Camilleri li huwa mużiċist mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, bħala prim perkussjonist kif ukoll ħuh Guzè ‘il-Bibi’ Camilleri li hu perkussjonist u għalliem fl-Iskola tal-Mużika ta’ Malta. Gilbert beda jitgħallem il-pjanu mal-Professur Charles Zammit meta kellu seba’ snin.

Fis-sena 1994 ħa sehem fl-Għanja tal-Poplu bħala kompożitur b’Ġewwa Pace Ville fuq kliem ta’ Vince Zammit, kantata minn Paul ‘il-Bibi’ Camilleri. Din il-kanzunetta rebħet il-premju għall-Aħjar Lirika u l-Aqwa Tema Soċjali. 


Suċċessi oħra segwew fil-Festival tal-G.W.U fl-1998 u fl-2006 bis-siltiet Tlaqt Mal-Mewġ u Fjamma ta’ Mħabba. Fis-sena 2021, Għajjejt Inħobb fuq il-lirika ta’ Rita Pace, u interpretazzjoni ta’ Christian Arding ikklassifikat fit-tieni post u rebħet ukoll il-premju għall-Aqwa Interpretazzjoni. Fit-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika kklassifika fid-disa’ post bil-kanzunetta Fittixni u fit-tielet edizzjoni kklassifika fil-ħames post bil-kanzunetta Ġawhra fuq lirika ta’ Emil Calleja Baylis u l-interpretazzjoni ta’ Michela Galea. Fis-sena 2023, ikklassifika fit-tielet post fil-KKI bil-kanzunetta Benninni fuq lirika ta’ Emil Calleja Baylis u l-kantanta Francesca Sciberras.


Il-lum il-ġurnata, apparti li huwa l-pjanist tal-programm Arani Issa, huwa wkoll mużiċist mal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, bħala prim pjanist u perkussjonist.

 

Artist

Kompożitur

Awtur

Miguel Bonello

Gilbert 'il-Bibi' Camilleri u Miguel Bonello

Miguel Bonello

Artist

Miguel Bonello

Kompożitur

Gilbert 'il-Bibi' Camilleri u Miguel Bonello

Awtur

Miguel Bonello

bottom of page