top of page

Din Għalik

Din Għalik

Sinopsi

Din Għalik hija dedikazzjoni għall-persuni li nħobbu u dawk li tlifna matul ħajjitna. Hi titkellem fuq l-iktar persuni importanti ta’ ħajjitna, kemm fil-passat u anke fil-preżent, kif ukoll fuq dawk li b’xi mod speċjali ħallew marka u għalhekk għandhom post uniku f’qalbna. Hija kanzunetta li titratta l-imħabba, id-dwejjaq, li naċċettaw is-sitwazzjonijiet li naffaċċjaw, u d-determinazzjoni li nimxu ‘l quddiem. Fuq kollox,  Din Għalik tiċċelebra l-mumenti sbieħ u li żgur m’huma ser jintesew qatt.

 

Bijografiji


Artista | Kompożitriċi – Moira Stafrace

Moira Stafrace, hija kantawtriċi/kitarrista pop-rock Maltija. Għal 28 sena għamlet parti mill-Band Chris and Moira mal-mibki żewġha fejn kitbet u pproduċiet erba' albums, 'il fuq minn sittin single, u diversi proġetti bħall-Eurovision 1994 u 1999. Ħadmet ma' RAI Italy, il-Vatikan f’Ruma, L'Isola Studios f’Milan, PKM Studios f’Ruma, Cap Sounds fil-Ġermanja, Abbey Road Studios f’Londra u oħrajn. Moira riċentament nediet is-single ġdid tagħha Sugar Pain li jimmarka r-ritorn tagħha bħala artista solista. Is-silta hija kollaborazzjoni mal-kitarrist/awtur David Cassar Torreggiani. Moira bħalissa qed taħdem fuq mużika ġdida u tikkollabora ma' mużiċisti oħra filwaqt li tieħu sehem f’kunċerti bħal Rockestra, Mumenti, Teatru Unplugged u qed tikkompeti għall-Eurovision Song Contest Malta 2024. Mużika Mużika kienet dejjem xewqa li tieħu sehem. 

 

Kompożitur – David Cassar Torreggiani

Din hi l-ewwel darba li David qed jieħu sehem f’Mużika Mużika, u flimkien ma’ Moira Stafrace, ikkompona id-diska Din Ghalik. Ma’ Moira ukoll ħareġ il-kanzunetta Sugar Pain bħala kantanta solista. David ukoll hu l-kitarrist tal-grupp Scar u ta’ Ivan Grech, kif ukoll huwa il-moħħ wara proġetti muzikali bħal DiggerThings, TodaMusica, u ElderWater, kif ukoll ħafna kollaborazjonijiet ma’ kantanti internazzjonali bhal Blaze Bayley (Iron Maiden), Tim Ripper Owens (Judas Priest), u Graham Bonnet (Rainbow).

 

Kompożitur – Toby Farrugia

Toby Farrugia kompożitur tal-kanzunetta Din Għalik li inkitbet għal Moira Stafrace. Toby Farrugia huwa music producer li rebaħ għadd ta’ premjiet għal iżjed minn għoxrin sena. Ġie signed mar-record labels EMI u Sony ATV/BMG. Huwa pproduċa diski għal artisti kbar madwar id-dinja kollha. Huwa wkoll daqq bħala DJ ma’ ismijiet kbar bħal David Guetta, AVICII u l-grupp Faithless fost ħafna oħrajn.

 

Awtur – Gerard James Borg

Gerard James Borg hu awtur b’esperjenza vasta fix-xena lokali kif ukoll barra minn xtutna. Hu kiteb sitt kanzunetti għall-Eurovision Song Contest għal Malta fosthom Desire u 7th Wonder. Fl-2014 kien ukoll l-awtur tal-kanzunetta tar-Russja. Ħadem ma’ bosta artisti u kellu kanzunetti li kienu fil-klassifiċi tal-Greċja, l-Isvezja, in-Norveġja, il-Finlandja, l-Olanda, u l-Islanda. Apparti s-suċċessi fil-qasam mużikali, Gerard hu l-kittieb ta’ ħames kotba li kollha kienu mal-aqwa tliet kotba mibjugħin f’Malta.

 

Awtur – Ryan Axisa

Ryan Axisa hu kantawtur minn San Pawl il-Baħar. Huwa jaħdem fil-qasam tal-akkwist fis-settur tal-ivjaġġar. Kellu esperjenzi sbieħ bis-sehem f’festivals lokali bħal; Entertain Me, il-Konkors Kanzunetta Indipendenza, is-Summer Hit Song Contest fejn il-pubbliku klassifikah fit-tielet post, kif ukoll f’X Factor Malta. Ilu jikteb il-lirika mill-età ta’ 12-il sena, u din il-passjoni kompliet tikber bis-saħħa tal-ħbiberija mal-awtur Malti Gerard James Borg. Ryan iħoss li fil-kitbiet tiegħu jista’ jesprimi ruħu kif jixtieq, u kif irid, u jaspira li jkompli miexi ‘l quddiem fuq din il-linja mużikali.

 

Artist

Kompożitur

Awtur

Moira Stafrace

David Cassar Torreggiani, Toby Farrugia u Moira Stafrace

Gerard James Borg u Ryan Axisa

Artist

Moira Stafrace

Kompożitur

David Cassar Torreggiani, Toby Farrugia u Moira Stafrace

Awtur

Gerard James Borg u Ryan Axisa

bottom of page