top of page

Iljun

Iljun

Sinopsi

Kanzunetta mexxejja li żgur se titrażmettilek enerġija pożittiva għall-aħħar bil-mużika u l-kliem pożittiv li fiha. Fid-dinja għandna vizzju li niffukaw fuq l-affarijiet negattivi iżda hu importanti immens li nitgħallmu nużaw dawk l-esperjenzi biex noħorġu s-sabiħ fina nfsuna. Mhux xi ħaġa faċli li nagħmlu iżda ċertament li hi xi ħaġa tfisser ħafna ladarba nkunu ta’ suċċess. L-iljun hu annimal meqjus bħala r-re tal-ġungla u jirrappreżenta s-saħħa, il-kuraġġ u t-tmexxija. Tliet elementi li huma importanti immens li jkunu f’ħajjitna għax aħna rridu il-persuni li nixprunaw dan f’ħajjitna. Kulħadd għandu s-saħħa biex issib ġo fih kuraġġ ta’ Iljun. Ħadd mhu iktar speċjali minn ħadd.


Bijografiji


Artist - Andreana DeBattista

Imwielda fil-11 ta’ Awwissu 1974, Andreana DeBattista hija wiċċ familjari għal ħafna fuq it-televixin bi rwoli bħala kantanta, u anke bħala preżentattriċi. L-imħabba tagħha lejn il-kant bdiet fiż-żgħożija, u kien proprju għalhekk li ingħaqdet mal-kor li kien jtella’ l-kunċert Voices. Eventwalment, daħlet fix-xena tal-ispettaklu flimkien ma’ Karl Spiteri, tant li anke pparteċipaw flimkien fil-Malta Eurovision Song Contest tas-sena 2003 bil-kanzunetta Angels, fejn klassifikaw mal-ewwel għaxra.


L-avventura ta’ Andreana f’dan l-ispettaklu kienet waħda speċjali għaliex hija kienet finalista għal total ta’ 8 darbiet bejn l-1998 u l-2014, ġieli bħala solista, ġieli fi dwett, ġieli fi trio u anke bħala parti minn grupp. 

Fl-2017 hija bdiet il-karriera tagħha fid-dinja tat-televixin. Intalbet tkun preżentattriċi tal-programm L-Ispjun li kien dieħel fit-tieni staġun tiegħu. Ftit wara, kompliet b’Min Imissu!? Hawnhekk, Andreana mhux biss tippreżenta iżda wkoll tipproduċi, u anke tkanta b’mod residenti. Akkumpanjata minn Analise Mifsud fuq il-pjanu, hi interpretat siltiet ta’ ġeneri differenti.


Kompożitur - Cyprian Cassar

Cyprian Cassar huwa kompożitur, arranġatur u produttur li twieled fil-15 t’Awwissu, 1983.  Flimkien mal-ħabib kbir tiegħu Joven Grech, huwa kien jifforma parti mid-duo famuż Tenishia, li kiseb fama internazzjonali wara li kklassifika mal-ewwel 100 fid-‘DJ Mag' għal erba’ snin. 


Minn meta fetaħ l-istudjow personali tiegħu, Cyprian kellu ċ-ċans li jaħdem ma’ diversi artisti Maltin, fosthom; Janice Mangion, Danica Muscat, Miriana Conte, Rhiannon, Maxine Pace, Enya Magri, Gaia Cauchi, Kevin Paul kif ukoll Drakard u Lisa Gauci li magħhom klassifika fit-tieni post ta' Mużika Mużika 2023 bil-kanzunetta Jekk Mhux Int fuq lirika ta' Emil Calleja Bayliss.


Il-kompożizzjonijiet tiegħu: Marchin’ On, bil-lirika ta’ Emil Calleja Bayliss bil-vuċi ta’ Ela Mangion u My Home, fuq lirika ta’ Matt ‘Muxu’ Mercieca bil-vuċijiet t’Ike u Kaya ġew magħżula biex jirrappreżentaw lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest tal-2018 u tal-2021 fejn ikklassifikaw fil-5 u t-12-il post, rispettivament. 

Fl-2019, kellu wkoll iċ-ċans li silta li kiteb flimkien ma’ Niall Mooney, Jonas Gladnikoff, Daniel Muscat Caruana, Anna Banks, Fiachna O’Braonain, u Anna Kearney, bl-isem ta’ Banshee tirrappreżenta lill-Irlanda fil-Junior Eurovision Song Contest fl-2019.


Awtur - Emil Calleja Bayliss

Emil Calleja Bayliss ilu jikteb il-lirika għall-kanzunetti għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokalment kif ukoll barra minn xtutna. Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu għal qalbu. Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2014 bil-kanzunetta Back To u minn hemm qatt ma ħares lura.

  

Hu kiseb l-ewwel post fil-festival L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta Dwell u fl-2019 bil-kanzunetta Ħaġar Qim, filwaqt li fl-2018 rebaħ il-festival L-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Mhux Kulma Jleqq Deheb.


Emil kiseb diversi suċċessi fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza fejn fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta Bħal Fjura, fl-2018 bil-kanzunetta Il-Pinna, u fl-2021 bil-kanzunetta Nifs. Fl-edizzjoni taż-żgħażagħ tal-istess konkors,  Emil kiseb l-ewwel post fl-2019 bil-kanzunetta Burdati, fl-2020 bil-kanzunetta Tfixkluniex, Tħawduniex, u fl-2021 bil-kanzunetta Marelli Ma


Tliet kanzunetti miktuba minnu rrappreżentaw lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest; Dawra Tond fl-2017 Marchin’ On fl-2018, u Chasing Sunsets fl-2020. Kanzunetta li żgur li jibqa’ magħruf għaliha hija l-kanzunetta Kewkba li kisbet it-tieni post fil-Malta Eurovision Song Contest tal-2017.


Artist

Kompożitur

Awtur

Andreana Debattista

Cyprian Cassar

Emil Calleja Bayliss

Artist

Andreana Debattista

Kompożitur

Cyprian Cassar

Awtur

Emil Calleja Bayliss

bottom of page