12:00am - Grazzi mill-ġdid tmur lill-partner uffiċjali tagħna 89.7 Bay, u lill-Malta Philharmonic Orchestra, Carisma Collections, Kinnie, Mercury Towers u l-Ministeru Għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali għas-sapport tagħhom. Narawkom għada għall-finali! – Saħħiet!
11:57pm - Nawguraw lill-kantanti finalisti kollha! Prosit lil kulħadd tal-ispettaklu mill-aqwa.
11:51pm - Wasal issa l-ħin li nħabbru t-12-il kanzunetta finalista tal-lejla! Dawn huma (fl-ebda ordni partikolari) .....
11:42pm - Qed joqrob il-ħin tant mistenni fejn insiru nafu liema kanzunetti għaddew għall-finali ta’ għada. Erġgħu araw il-kanzunetti tal-bieraħ HAWN.
11:41pm - Kanzunetti mill-isbaħ. Insellmu l-memorja ta’ Enzo minn hawn. B’hekk smajtu l-kanzunetti kollha tal-Lejla tal-Klassiċi, nisperaw li ħadtu gost!
11:32pm - Kellna serata mimlija nostalġija għalikom illum! Nisperaw li ġeddidnilkom ħafna memorji. Imma s-serata mhux ser tintemm hawn! Ma’ nistgħux ikollna Lejla tal-Klassiċi mingħajr ma’ nsellmu l-memorja tal-mibki Enzo Gużman, li ħalliena f’Diċembru li għadda. Nilqgħu magħna lil Kylie, Kayley, Nedved, Amber Marie, Tristan u Francesca!
11:32pm
Mużika: Jason Cassar
Lirika: Sunny Aquilina
Kanzunetta b’messaġġ mill-isbaħ li ħarġet mill-Għanja tal-Poplu tal-1995. Din il-kanzunetta qiegħda fil-qalb ta’ ħafna, speċjalment ta’ Chiara għaliex inkitbet fuq ħabib tagħha li kien miet b’overdose tad-droga. Interpretazzjoni emozzjonanti ferm minn Chiara u Gaia.
11:28pm
Wasalna għall-aħħar kanzunetta tal-lejla! Nilqgħu fuq il-palk lil Gaia Cauchi u Chiara bil-kanzunetta ISMAGĦNI FTIT ĦABIB
11:28pm
Mużika: Paul Abela
Lirika: Raymond Mahoney
Lirika poetika għall-aħħar, kanzunetta li kienet ħarġet fl-album ‘Il-Bajja tal-Mellieħa’ fl-1997. Il-vuċijiet ta’ Nicole u Ivan joħorġu mill-isbaħ f’din l-interpretazzjoni. Prestazzjoni mill-aktar b’saħħita ... qabbadtuna l-bard!
11:23pm - Kanzunetta oħra tal-mibki Sammy Bartolo li żgur tafuha! KEMM HU SABIĦ – ikantaw Nicole Frendo u Ivan Grech.
11:23pm
Mużika: Freddie Portelli
Lirika: Freddie Portelli
Il-melankolija ta’ din il-kanzunetta ġġielhek taħseb. Oriġinarjament interpretata minn Freddie Portelli, illum smajna verżjoni ġdida tal-kanzunetta, bl-inklużjoni tal-ġeneru rap minn Kapitlu Tlettax.
11:19pm - Nisimgħu kanzunetta popolarissima oħra, GĦAL DEJJEM, din id-darba b’interpretazzjoni ta’ Danica Muscat u Kapitlu Tlettax flimkien ma’ Joe Carr.
11:18pm
Mużika: Paul Giordimania
Lirika: Renato Micallef
Kanzunetta oriġinarjament interpretata minn Paul Giordimania, b’tema ta’ mħabba bla qies b’melodija mill-isbaħ! Interpretazzjoni emozzjonanti ta’ Kyle u Eleanor.
11:15pm - Issa ser nisimgħu il-kanzunetta KELLEK TKUN INT b’interpretazzjoni ta’ Kyle George u Eleanor Cassar.
11:14pm
Mużika: Alfred C. Sant
Lirika: Alfred C. Sant
Kanzunetta klassika tal-1978 tal-kantant mibki Tony Gauci tal-grupp Scorpio, li ma tistax ma’ tkantax magħha, u l-interpretazzjoni ta’ Kanetra bl-istrumenti tradizzjonali, flimkien ma’ Daniel imliet is-sala tagħna kollha brijju!
11:06pm - Nilqgħukom lura fis-sala! Ngħaddu mill-ewwel għall-aħħar set ta’ kanzunetti tas-serata tal-lejla. Ser ngħaddu issa għall-kanzunetta QALB TA’ KAMPANJOL b’interpretazzjoni tal-grupp Kantera flimkien ma’ Daniel Cauchi.
10:58pm - Ngħaddu issa għal ftit mumenti ta’ riklami u niġu lura bl-aħħar set ta’ kanzunetti. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-partner uffiċjali tagħna 89.7 Bay, u lill-Malta Philharmonic Orchestra, Carisma Collections, Kinnie, Mercury Towers u l-Ministeru Għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali għas-sapport tagħhom.
10:58pm - Grazzi tal-mużika Chris – m’aħna ħa ninsewk qatt!
10:54pm - Aħna ċerti li qed inqanqlulkom ħafna nostalġija b’dawn il-kanzunetti mill-isbaħ. Memorja li żgur ser tibqa’ f’qlub ta’ ħafna hija dik tal-kantant mibki Chris Scicluna li ħalliena aktar kmieni din is-sena. Ejja niftakru fil-mużika sabiħa li ħallielna dan l-artist bravissimu u nfakkru ftit il-memorja tiegħu.
10:54pm
Mużika: Dominic Galea
Lirika: Joe Friggieri
Kanzunetta li smajniha waqt il-Festival tal-Kanzunetta Maltija fl-1992. Din il-kanzunetta ġiet miktuba wkoll bl-ingliż, bit-titlu ta’ DON’T THROW OUR LOVE AWAY. Illum Moira żgur qed iġġedded ħafna memorji b’din l-interpretazzjoni ma’ Victoria.
Araw l-interpretazzjoni oriġinali hawn taħt:
10:51pm - Issa nilqgħu fuq il-palk lil Victoria flimkien mal-kantanta bravissima Moira Stafrace li ser jinterpretaw il-kanzunetta TGĦIDLIX.
10:50pm
Mużika: Shazam
Lirika: Shazam
Din il-kanzunetta kienet oriġinarjament interpretata mill-grupp Shazam fil-1976 u kisbet popolarià kbira fuq ir-radju. Kanzunetta li titratta dwar omm li ħalliet lil binha warajha hekk kif temmet ir-relazzjoni mar-raġel tagħha. Kanzunetta ftit retro li ħadet laqta moderna permezz tal-interpretazzjoni tal-lejla.
10:47pm - Imiss issa kanzunetta klassika tas-snin sebgħin – AĦSEB FIT-TIFEL, b’interpretazzjoni ta’ Avenue Sky u Rosman Pace.
10:45pm
Mużika: Manwel Mifsud
Lirika: Manwel Mifsud
Lirika mżewwqa bl-isbaħ poeżija ta’ mħabba. Il-vuċijiet melodjużi ta’ Bloodline u Lynn jerġgħu jagħtu l-ħajja lil din il-kanzunetta mill-isbaħ. X’nostalġija llejla!
10:42pm - Għal darb’oħra nisimgħu kanzunetta ta’ mħabba mill-isbaħ mill-mibki Sammy Bartolo – GĦAJNEJN SBIEĦ. Kanzunetta klassika! Jkantaw Bloodline, flimkien ma’ Lynn Chircop.
10:39pm
Mużika: Charles Dalli
Lirika: Charles Dalli
Kanzunetta li oriġinarjament nafuha bit-titlu I CAN FEEL tal-grupp mitiku X-Tend, li fl-1984 rebħet il-festival ‘Passaporto per Sanremo’. Illum qed nerġgħu inġeddu ftit memorji ma’ OXYGYN u l-X-Tend innifishom b’verżjoni differenti ta’ din il-kanzunetta tant popolari. Nisperaw li għoġbitkom.
Araw l-interpretazzjoni oriġinali hawn taħt:
10:34pm - Il-mużika Maltija tkompli! Nilqgħu issa lill-OXYGYN fuq il-palk flimkien mal-grupp popolarissimu fis-snin tmenin, X-TEND, bil-kanzunetta orġinali tagħhom INĦOSS ĠO QALBI.
10:26pm -Nisperaw li qed tieħdu pjaċir tisimgħu din il-mużika nostalġika. Illum verament qed nisimgħu fost l-isbaħ kanzunetti Maltin. Ta’ min għandna nkunu kburin bil-lingwa tagħna. Ngħaddu għal pawża qasira ta’ reklami u nkomplu bl-ispettaklu. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-partner uffiċjali tagħna 89.7 Bay, u lill-Malta Philharmonic Orchestra, Carisma Collections, Kinnie, Mercury Towers, u l-Ministeru Għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali għas-sapport tagħhom.
10:24pm
Mużika: Jo Naudi
Lirika: Jo Naudi
Għal min jiftakarha, din il-kanzunetta oriġinarjament ġiet interpretata minn Sammy Bartolo ta’ New Cuorey fil-Festival tal-Kanzunetta Maltija lura fl-1985. Illum qed nisimgħu l-interpretazzjoni mill-isbaħ tal-kantanti bravissimi Cherylis u Lawrence.
10:20pm - Imiss issa lil Cherylis u Lawrence Gray, li ser jinterpretaw POEŻIJA, kanzunetta b’lirika mill-isbaħ li permezz tagħha napprezzaw il-mużika Maltija.
10:19pm
Mużika: Walter Micallef
Lirika: Walter Micallef
Interpretata minn Walter Micallef waqt l-Għanja tal-Poplu fl-2001, din il-kanzunetta titratta suġġett sensittiv dwar l-abbuż fuq it-tfal. Permezz tal-vuċi tagħhom, Haley u Walter jesprimu d-dieqa ta’ din il-kanzunetta li bla ma trid ġġiegħlek tirrifletti dwar ir-realtà kera’ li jgħaddu minnha dawn it-tfal.
Araw l-interpretazzjoni oriġinali hawn taħt:
10:15pm - Nisimgħu issa l-kanzunetta SIEĦBI FIL-CUPBOARD TAL-KĊINA, b’interpretazzjoni ta’ Haley, akkumpanjata mill-kantant oriġinali tal-kanzunetta, Walter Micallef.
10:14pm
Mużika: Mark Spiteri Lucas
Lirika: Paul Ellul
Din il-kanzunetta oriġinarjament interpretata minn Ira Losco rebħet il-Festival Kanzunetta Indipendenza fl-2001. Din tħaddan tema melankolika mimlija niket li ġġib magħha t-telfa ta’ xi ħadd maħbub. Il-vuċijiet uniċi ta’ Roger u Franklin jingħaqdu f’armonija perfetta li jesprimu l-emozzjonijiet li tesprimi l-kanzunetta perfettament.
Araw l-interpretazzjoni oriġinali hawn taħt:
10:10pm - Il-kanzunetta li jmiss iġġib l-isem ta’ FEJN STAĦBEJTLI b’interpretazzjoni ta’ Franklin u Roger Tirazona – żewġ kantanti b’vuċi mill-isbaħ.
10:09pm - Mużika: Philip Vella
Lirika: Mario Fenech Caruana
Kanzunetta magħrufa ħafna tul is-snin disgħin li konna smajniha l-ewwel darba waqt l-Għanja tal-Poplu tal-1995. Illum rajna lil Philip, il-kantant oriġinali tal-kanzunetta, jinterpretaha b’differenza mal-grupp MARA. Prestazzjoni mill-iktar ferriħija.
Araw l-interpretazzjoni oriġinali hawn taħt:
10:05pm - Nilqgħukom lura! Ngħaddu għal aktar kanzunetti nostalġiċi. Jmiss issa lil grupp MARA li ser jinterpretaw il-kanzunetta X’JIMPURTANI ma’ Philip Vella.
9:55pm - Ningħaqdu issa ma’ Gianni u Taryn għal kollegament minn wara l-kwinti. Segwuhom HAWN. Wara ngħaddu għal pawża qasira ta’ reklami. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-partner uffiċjali tagħna 89.7 Bay, u lill-Malta Philharmonic Orchestra, Carisma Collections, Kinnie, Mercury Towers u l-Ministeru Għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali għas-sapport tagħhom. Ibqgħu hemm!
9:54pm
Mużika: Victor Fenech
Lirika: Victor Fenech
Kanzunetta b’messaġġ pożittiv li tqanqal nostalġija kbira. Smajniha għall-ewwel darba waqt il-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija tal-1983 b’interpretazzjoni oriġinali ta’ Joe George Micallef. Prosit kbira lil Cheryl u lil The Incorvaja Sisters għal dik il-prestazzjoni mill-isbaħ.
9:50pm - Issa jmiss il-kanzunetta GĦATINI JDEJK li ser tiġi interpretata minn Cheryl flimkien ma’ The Incorvaja Sisters.
9:47pm
Mużika: Ray Agius
Lirika: Alfred C. Sant
Kanzunetta ta’ mħabba li meta ħarġet kienet telgħet fil-quċċata tal-klassifika lokali fl-1973. Oriġinarjament il-kanzunetta kienet interpretata mill-mibki Tony Camilleri, magħruf bħala Bajżo ta’ The Malta Bums. Spettaklu mill-aqwa mingħand Ozzy u Kurt!
9:45pm - Issa nilqgħu fuq il-palk meraviljuż tagħna lil Kurt Calleja flimkien ma’ Ozzy Lino bil-kanzunetta klassika li żgur m’għandha bżonn l-ebda introduzzjoni – L-EWWEL TFAJLA LI ĦABBEJT.
9:43pm
Mużika: Paul Abela
Lirika: Doris Chetcuti
Din il-kanzunetta smajniha għall-ewwel darba waqt il-Kanzunetta Għall-Ewropa fl-1993. Ballad mill-isbaħ b’lirika melankolika li tfakkar il-memorja ta’ mħabba mitlufa. Illum Alex qed jaqsam il-palk mal-kantant Għawdxi Joseph Refalo f’armonija ta’ vuċijiet mill-isbaħ.
Araw l-interpretazzjoni oriġinali hawn taħt:
9:41pm - Ngħaddu għall-kanzunetta F’MUMENT, jkantaw Joseph Refalo fi dwett mal-kantant oriġinali Alex Schembri.
9:40pm
Mużika: Augusto Cardinali
Lirika: Giovann Attard
Jekk tiftakru sew din il-kanzunetta kienet oriġinarjament jisimha YOU u kienet kantata bl-Ingliż. Janvil ikkompeta b’din il-kanzunetta fil-Malta Eurovision Song Contest tal-2005, fejn wara rrapreżenta lil Malta bl-istess kanzunetta ġewwa l-Ukraina. Illum qed nisimgħu verżjoni differenti ta’ din il-kanzunetta kkaretterizzata minn elementi rap miktuba mill-Kalakku.
Araw l-interpretazzjoni oriġinali hawn taħt:
9:37pm - Issa nisimgħu l-kanzunetta INT interpretata minn Mykill, Lyndsay u l-Kalakku, flimkien mal-kantant oriġinali tal-kanzunetta Janvil. Kanzunetta li ma tistax ma’ tiċċaqlaqx magħha.
9:35pm - Nilqgħukom lura għal-lejla tal-Klassiċi! Hawn spettaklu fenomenali hawnhekk fis-sala, jidher ċar li dawn il-kanzunetti huma ferm għal qalb il-Maltin.
9:25pm - Nixtiequ nirringrazzjaw lill-partner uffiċjali tagħna 89.7 Bay, u lill-Malta Philharmonic Orchestra, Carisma Collections, Kinnie, Mercury Towers u l-Ministeru Għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali għas-sapport tagħhom. Aktar nostalġija wara r-riklami!
9:23pm
Mużika: Joe S. Grech
Lirika: Anthony Fenech
Kanzunetta oħra li tfaħħar is-sbuħija ta’ pajjiżna interpretata oriġinarjament minn Sammy Bartolo ta’ New Cuorey. Dawn il-kanzunetti tassew ifakkruna li għandna nkunu kburin b’Malta tagħna. L-armonija ta’ vuċijiet ta’ Kelly Marie u Marthese jagħtu gieħ lil din il-kanzunetta klassika.
9:20pm - Nilqgħu issa lil kantanta bravissima Martese Tanti li ser takkumpanja lil Kelly Marie b’interpretazzjoni tal-kanzunetta RIVIERA BLU.
9:18pm
Mużika: Dominic Grech
Lirika: Emmanuel Ellis
Kanzunetta li tfaħħar il-ġmiel naturali ta’ Għawdex oriġinarjament interpretata mil-grupp The Tramps, jkanta l-mibki Dominic Grech. Illum qed nisimgħu l-vuċijiet ta’ Bernie & Pod u Fiona, flimkien mal-bravissima Tiziana li jikkumplimentaw lil xulxin perfettament għal din il-kanzunetta.
9:16pm - Nisimgħu issa lil Bernie & Pod flimkien ma’ Fiona, jkantaw INTI DJAMANT, flimkien ma’ Tiziana Calleja!
9:14pm
Mużika: Ray Agius
Lirika: Alfred C. Sant
Kanzunetta mill-isbaħ oħra li hija favorita fost ħafna, oriġinarjament interpretata mill-kantant bravissimu Mike Spiteri. Jekk tiftakru sew lil Mike rajnih fis-serata tal-Klassiċi tas-sena li għaddiet. Illum il-kanzunetta qed jinterpretawa Norbert u Ludwig, żewġ kantanti b’vuċijiet partikolari!
9:11pm - Ngħaddu issa għal-kanzunetta FJURA FIL-KANTINA b’interpretazzjoni ta’ Norbert flimkien ma’ Ludwig Galea!
9:09pm
Mużika: Ray Agius
Lirika: Alfred C. Sant
Kanzunetta b’messaġġ romantiku għall-aħħar li oriġinarjament ġiet interpretata minn Fabrizio Faniello waqt il-Festival tal-Kanzunetta Maltija tal-1999! Illum żgur illi Fabrizio qed iġedded ħafna memorji, b’dan id-dwett emozzjonanti m’oħtu Claudia.
Araw l-interpretazzjoni oriġinali hawn taħt:
9:07pm - Uffiċjalment nagħtu bidu għal-Lejla tal-Klassiċi bl-ewwel kanzunetta tal-lejla – SAL-AĦĦAR. Tkanta Claudia Faniello akkumpanjata minn ħuwa, Fabrizio Faniello!
9:05pm - Infakkrukom ukoll li bħalissa Taryn Mamo Cefai u Dorian Cassar għaddejjin b’kollegament live fuq il-paġna ta’ Facebook tagħna u tal-partner uffiċjali tagħna 89.7 BAY, fejn ser ikunu qed jaġġornawkom b’intervisti, gossip u ħafna aktar tul is-serata sħiħa. Segwuhom HAWN.
9:04pm - Importanti nfakkrukom li din is-serata mhux ser tkun waħda kompetittiva u mhux ser ikun hemm votazzjoni. Illejla stess fl-aħħar tas-serata ser inkunu nafu liem huma t-12-il kanzunetta li ser jgħaddu għall-finali ta’ għada!
9:01pm - Nilqgħu l-preżentaturi bravissimi tagħna fuq il-palk – Keith Demicoli, Clare Agius u Moira Delia! Tassew bravi u l-udjenza tagħtihom merħba mill-isbaħ!
9:00pm - Nilqgħukom għat-tieni serata ta’ Mużika Mużika – Il-Lejla tal-Klassiċi! Illum għandna programm nostalġiku ta’ kanzunetti klassiċi Maltin li żgur ser iġeddulkom ħafna memorji!
TWISSIJA: Dan il-programm jinkludi effetti ta' dawl qawwi u strobe lighting. Minħabba f'hekk dan mhux adattat għal min ibati bl-epilessija u kundizzjonijiet ta' sensittività għad-dawl.
MUŻIKA MUŻIKA jibda dalwaqt
Ritratti: Matthew Bugeja
Comments