Mużika Mużika jirritorna għat-tielet sena konsekuttiva. Organizzat minn Festivals Malta, dan il-festival prestiġjuż ser jerġa’ jirritorna bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu b’20 kanzunetta oriġinali bil-Malti.
Festivals Malta ħabbar li din l-edizzjoni ta’ Mużika Mużika ser tiġi ppreżentata minn Keith Demicoli, Clare Agius, u Moira Delia, tul it-tliet serati. Din is-sena il-festival ser ikun qed jospita lil Kantera, filwaqt li għall-finali bħala mistiedna speċjali ser jospita lil Kurt Calleja u Ira Losco. Apparti minn hekk ser ikun hemm il-perteċipazzjoni ta’ diversi artisti stabbiliti fis-serata tal-klassiċi li ser jidwettaw mas-semifinalisti.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet ħabbar li bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti loġistiċi fosthom il-bini tal-palk, il-kordinament tal-provi artistiċi, u teknikalitajiet oħra biex għal darb’oħra dan il-festival ikun wieħed ta’ suċċess.
Il-Ministru Bonnici qal: “ Mużika Mużika sar meqjuż bħala wieħed mill-aqwa festivals tal-mużika lokali. Sa mill-ewwel edizzjoni tiegħu kiseb ir-rispett ta’ bosta kantanti, kompożituri, awturi lokali, u saħansitra anke tal-udjenza”.
“Minn qalbi nixtieq infaħħar lit-tim organizzattiv għax-xogħol tajjeb li qed isir. Irridu nkomplu ninvestu f’dan il-festival li jservi wkoll bħala pjattaforma fejn l-artisti jesponu t-talenti tagħhom bil-lingwa Maltija li hi tant għażiża għalina, u kif għamilna fis-snin preċedenti, aħna se nkomplu naħdmu qatigħ biex dan il-Festival ikompli jkun ta’ suċċess sena wara sena u jibqa’ jkun appuntament annwali,” qal Dr Bonnici.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal li huwa kburi li Festivals Malta qed joffri pjattaforma ta’ dan il-kalibru lil diversi kantanti, awturi u kompożituri lokali għat-tielet sena konsekuttiva. “Festivals Malta hija l-aġenzija ewlenija tal-festivals, u bħal ma’ tafu t-tim ħabbrieki tagħna jkollu diversi festivals u avvenimenti x’jorganizza tul is-sena. Bħalissa għandna ħerġin minn żewġ festivals kbar fl-ewwel xharejn tas-sena, fejn kellna l-Baroque Festival u l-Karnival ta’ Malta li t-tnejn li huma kienu suċċess. Għalkemm għaddejjin b’ħidma sfieqa fuq Mużika Mużika fl-istess waqt diġa bdejna ammont ta’ xogħol sostanzjali fuq il-festivals tas-sajf. Is-suċċess tal-festivals organizzati minn Festivals Malta huma xhieda tad-dedikazzjoni u l-kapaċitajiet tan-nies li jaħdmu fi ħdan din l-aġenzija, u nħossni tassew kburi bix-xogħol li jagħmlu. Għalkemm Mużika Mużika diġa ssupera l-aspettativi tal-poplu, aħna kommessi li nkomplu ninvestu fih sabiex dejjem inkomplu ntejbu l-prodott artistiku Malti. Ninsab sodisfatt bil-livell kbir li ser noffru matul l-edizzjoni ta’ din is-sena. Għandna spettaklu mill-isbaħ imħejji għal dawk li din is-sena ser jingħaqdu magħna fis-sala sabiex niċċelebraw l-artisti lokali, it-talent Malti, u l-lingwa Maltija li aħna tant kburin biha. Nawgura kull suċċess lill-kantanti, lill-kompożituri, l-awturi, u lill-mistiena speċjali, li żgur ser jagħtu spettaklu mill-isbaħ. Fl-aħħar minn l-aħħar nawgura lil dawk kollha li ser ikunu parti mis-suċċess ta’ Mużika Mużika 2023.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, tkellmet fuq is-suċċess u r-rispons posittiv li ta’ kull sena jiġġenera dan il-festival, li tant huwa għal qalb il-Maltin. “Meta lura fl-2021 Festivals Malta ġie fdat b’Mużika Mużika, għalkemm kont naf li dan il-festival ser jinżel tajjeb mal-poplu Malti għaliex kien hawn għatx kbir għalih, qatt ma bsart li ser jasal s’hawn. Il-festival kiber u żviluppa b’rata mgħaġġla u ntlaqa’ tajjeb ħafna, kemm mill-udjenzi, kif ukoll minn diversi artisti u tekniċi li ta’ kull sena juru l-interess li jkunu parteċipi f’din il-produzzjoni. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lil kull min jagħti s-sapport tiegħu biex dan il-festival ikun wieħed ta’ suċċess. Il-portafoll ta’ Festivals Malta huwa mżewwaq b’diversi avvenimenti ta’ ġeneri differenti, u bħal kull festival ieħor Mużika Mużika jiċċelebra t-talent imżewwaq li għandna f’pajjiżna. Li jagħmel dan il-festival tant uniku huwa li joffri pjattaforma mużikali fejn l-ilsien Malti jispikka u jiġi apprezzat permezz ta’ kompożizzjonijiet oriġinali.”
Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, Raymond Bugeja, kompla jisħaq fuq l-impatt pożittiv li ħalla dan il-festival, mhux mal-udjenzi biss, iżda wkoll mal-artisti lokali. “Ir-rispons pożittiv għal dan il-festival jidher ċar, kemm mill-messaġġi fuq il-mezzi soċjali kif ukoll mill-bejgħ tal-biljetti. Din is-sena wkoll kellna żieda fis-sottomissjonijiet, b’total ta’ 149 applikazzjoni, kemm minn artisti stabbiliti kif ukoll dawk emerġenti, u nista’ ngħid li dan huwa prova ċara tal-kalibru għoli li rnexxilu jilħaq Mużika Mużika.”
Id-Direttur Artistiku ta’ Mużika Mużika, Paul Abela, qal “Bħal kull sena, Mużika Mużika ser joffri tliet serati ta’ Mużika Maltija tal-ogħla livell. Ma nistax inkun aktar kuntent bil-kanzunetti li hemm preparati għal din is-sena u b’wiċċi mill-quddiem ngħid li l-istandard tal-kanzunetti qiegħed dejjem jitjieb. Din is-sena ser naraw ukoll uċuħ familjari mal-mużika lokali fl-ewwel u fl-aħħar serata, Ira Losco li żgur ma trid l-ebda introduzzjoni b’suċċess lokalment u internazzjonalment, kif ukoll Kurt Calleja li rebaħ l-edizzjoni li għaddiet, u Kantera li tista’ tgħid saru sinonimi ma’ dan il-festival.”
Mużika Mużika ser isir fl-MFCC Ta’ Qali bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu 2023, u ser jixxandar b’mod dirett fuq Television Malta. Għall-biljetti u aktar informazzjoni żur muzikamuzika.mt
Comments